Nitolbu l- Via Lucis - It-Triq tad-Dawl


L-“Istazzjonijiet” tal-Qawmien

Il-Via Lucis żviluppat dan l-aħħar bħala tkomplija naturali tal-Via Crucis (It-Triq tas-Salib) li timxi wara l-Mulej sal-mewt tiegħu fuq is-Salib, u bħalha fiha erbatax il-waqfa, li jitilqu mill-qabar vojt, l-ewwel xhud tal-Qawmien, sal-Pentekoste, l-aqwa frott tiegħu.
Il-Papa Ġwanni Pawlu II, li kien jgħożż ħafna l-Via Crucis bħala eżerċizzju spiritwali ta’ kuljum, kien ukoll ippropona l-Via Lucis (It-Triq tad-Dawl): l-“Istazzjonijiet” tal-Qawmien.
Il- Via Lucis tixraq b’mod partikulari għall-Ħadd il-Għid, għall jiem tal-ġimgħa fost l-Ottava tal-Għid u matul il-Ħamsin Jum ta’ Żmien il-Għid.
Il-Via Lucis turi l-ferħ tal-Għid: Kristu hu ċ-ċentru tal-ħajja tad-dinja.  Permezz tal-eżerċizzju devot tal-Via Lucis, il-fidili jfakkru l-ġrajja ewlenija tal-fidi – l-Qawmien ta’ Kristu – u l-qagħda tagħhom ta’ dixxipli li fil-Magħmudija, s-Sagrament tal-Għid, huma għaddew mid-dlamijiet tad-dnub għad-dawl tal-grazzja.  Matul il-Via Lucis Omm Ġesù tibqa’ tkun ħdejna u tgħidilna “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”.
Il-Via Lucis hi prattika essenzjali biex insiru nafu aħjar lill-Mulej u biex ngħixu l-fidi Nisranija b’iktar qawwa, għaliex aħna x-xhieda għad-dinja tal-Qawmien ta’ Ġesù.

Daħla


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.  Ammen.

Ejjew nimxu dan il-pellegrinaġġ tal-fidi, l- Via Lucis, bħala wlied id-dawl u bħala xhieda tal Mulej Rxoxt.  Ejjew nimmeditaw fuq il-qawmien ta’ Kristu u nsibu t-triq tad-dawl li Kristu jħeġġeġ matul ħajjitna.  Huwa jagħtina l-qawwa li nwasslu kultura ġdida imsejsa fuq is-sliem u l-merħba sinċiera tal-persuna umana.

Nitolbu
Missier Etern, inti ridt twaqqaf fuq blata li ma titfarrakx iċ-ċertezza tat-tama tagħna f’Ibnek li miet u rxoxta għalina.  Sawwab fuqna l-Ispirtu tal-verità u tad-dawl, sabiex waqt li nimxu bit-tama mit-triqat tad-dinja, nġorru dejjem f’ġisimna li jmut, ix-xhieda tal-mewt u l-qawmien li tifdina.  Bi Kristu Sidna.  Ammen.


L-Ewwel Stazzjon

Nadurawk, O Ġesù u nberkuk,
 għax bl-Għuda tas-Salib u bid-Dawl tal-Qawmien tieghek fdejt id-dinja!

Nikkonsidraw fl-ewwel stazzjon meta Sidna Ġesù qam mill-imwiet.
L-anġlu qal lin-nisa: "Tibżgħu xejn intom, għax jiena naf li qegħdin tfittxu lil Ġesù li kien imsallab.  M'huwiex hawn, għaliex qam, kif kien qal." (Mt. 28: 5-6)

Nitolbu
O Alla ħanin għamel li l-poplu tiegħek ixandar il-glorja ta’ Kristu Rxoxt, is-sagrament universali tal-fidwa, sabiex bih jikseb id-doni tal-ħajja ġdida.

Missierna, Sliema, Glorja.

Imbierek id-dawl tal-qawmien glorjuż ta’ Sidna Ġesù,
 Mulej ħenn għalina u agħti l-ħajja lid-dinja.


It-Tieni Stazzjon

Nadurawk, O Ġesù u nberkuk,
 għax bl-Għuda tas-Salib u bid-Dawl tal-Qawmien tieghek fdejt id-dinja!

Nikkonsidraw fit-tieni stazzjon meta d-dixxipli sabu l-qabar vojt.
Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen (Ġwann 20: 1 – 8).

Nitolbu
O Alla li fdejt lill-bniedem billi erġajt għollejtu għad-dinjità li kellu fil-bidu, bil-misteru tal-għaġeb tal-ħniena tiegħek ħares lejna wliedek, imwieldin għall-ħajja ġdida permezz tal-magħmudija, u agħtina dejjem id-doni tal-grazzja tiegħek.

Missierna, Sliema, Glorja.

Imbierek id-dawl tal-qawmien glorjuż ta’ Sidna Ġesù,
 Mulej ħenn għalina u agħti l-ħajja lid-dinja.


It-Tielet Stazzjon

Nadurawk, O Ġesù u nberkuk,
 għax bl-Għuda tas-Salib u bid-Dawl tal-Qawmien tieghek fdejt id-dinja!

Nikkonsidraw fit-tielet stazzjon meta Il-Mulej Irxuxtat deher lil Marija Madalena.
Marija ‘daret lura u rat lil Ġesù wieqaf, iżda ma ntebħitx li kien Ġesù.  Ġesù qalilha: "Mara, għalfejn qiegħda tibki?  Lil min qiegħda tfittex?"  Hi ħasbet li kien il-ġardinar, u qaltlu: "Sinjur, jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħedtu, u jiena nġibu lura."  Ġesù sejjħilha: "Marjam!"  Hi daret u qaltlu bil-Lhudi: 'Rabbuni!' jiġifieri, Mgħallem.  Ġesù qalilha: "La tmissnix, għax għadni ma tlajtx għand il-Missier; imma mur għand ħuti u għidilhom li se nitla' għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom."  Marija ta' Magdala marret għand id-dixxipli u tathom l-aħbar: "Rajt lill-Mulej", u dak li qalilha. (Ġwann 20: 14b – 18)

Nitolbu
O Alla ta’ dejjem u li tista’ kollox, li ridt li Ibnek il-waħdieni jafda lil Marija Madalena l-ewwel bxara tal-ferħ tal-Għid, agħmel li fuq l-eżempju u bl-interċessjoni tagħha nxandru fid-dinja lill-Mulej irxuxtat, sabiex niġu nikkontemplawh flimkien miegħek fil-glorja.

Missierna, Sliema, Glorja.

Imbierek id-dawl tal-qawmien glorjuż ta’ Sidna Ġesù,
 Mulej ħenn għalina u agħti l-ħajja lid-dinja.


Ir-Raba’ Stazzjon

Nadurawk, O Ġesù u nberkuk,
 għax bl-Għuda tas-Salib u bid-Dawl tal-Qawmien tieghek fdejt id-dinja!

Nikkonsidraw fir-raba’ stazzjon meta l-Mulej Irxuxtat deher lil Żewġ Dixxipli fit-Triq lejn Emmaus.
Huma u jitħaddtu u jistħarrġu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa' miexi magħhom.  Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh.  …..  Qalilhom Ġesù: "Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti!  U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?"  U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu. (Luqa 24: 15, 25–27).

Nitolbu
O Missier, li permezz ta’ Ibnek il-waħdieni rbaħt il-mewt u ftaħtilna t-triq għall-ħajja ta’ dejjem, agħti lilna li qed niċċelebraw l-Għid tal-Qawmien ta’ Kristu, li nkunu mġeddin fl-Ispirtu tiegħek, biex nitwieldu mill-ġdid fid-dawl tal-Mulej irxoxt.

Missierna, Sliema, Glorja.

Imbierek id-dawl tal-qawmien glorjuż ta’ Sidna Ġesù,
 Mulej ħenn għalina u agħti l-ħajja lid-dinja.


Il-Ħames Stazzjon

Nadurawk, O Ġesù u nberkuk,
 għax bl-Għuda tas-Salib u bid-Dawl tal-Qawmien tieghek fdejt id-dinja!

Nikkonsidraw fil-ħames stazzjon meta l-Mulej Irxuxtat intgħaraf fil-Qsim tal-Ħobż.
… huma ħeġġewh: "Ibqa' magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm."  Mbagħad daħal biex joqgħod magħhom.  U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom.  Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom.  U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: "Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?" (Luqa 24: 29–32).

Nitolbu
O Missier ħanin, agħtina li f’kull waqt ta’ ħajjitna ngawdu il-frott tal-Għid, li jitwettaq f’kull ċelebrazzjoni tal-Quddiesa.

Missierna, Sliema, Glorja.

Imbierek id-dawl tal-qawmien glorjuż ta’ Sidna Ġesù,
 Mulej ħenn għalina u agħti l-ħajja lid-dinja.


Is-Sitt Stazzjon

Nadurawk, O Ġesù u nberkuk,
 għax bl-Għuda tas-Salib u bid-Dawl tal-Qawmien tieghek fdejt id-dinja!

Nikkonsidraw fis-sitt stazzjon meta l-Mulej Irxuxtat deher lid-Dixxipli.
"Għaliex tħawwadtu?  Għaliex dan it-tħassib kollu f'qalbkom?  Araw idejja u riġlejja.  Jiena hu!  Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien."  Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh. (Luqa 24: 38–40).

Nitolbu
O Alla ħanin u li tista’ kollox mexxina biex niksbu l-ferħ ta’ dejjem, sabiex b’moħħ mistrieħ il-merħla ċkejkna ta’ wliedek tasal ħdejk, fejn wasal qabilha Krisu r-Ragħaj tagħha.

Missierna, Sliema, Glorja.

Imbierek id-dawl tal-qawmien glorjuż ta’ Sidna Ġesù,
 Mulej ħenn għalina u agħti l-ħajja lid-dinja.


Is-Seba’ Stazzjon

Nadurawk, O Ġesù u nberkuk,
 għax bl-Għuda tas-Salib u bid-Dawl tal-Qawmien tieghek fdejt id-dinja!

Nikkonsidraw fis-seba’ stazzjon meta l-Mulej ta s-Setgħa li Jinħafru d-Dnubiet.
ġie Ġesù u qagħad f'nofshom; u qalilhom: "Is-sliem għalikom!"  …  Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej.  imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: "Is-sliem għalikom!  Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom."  Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: "Ħudu l-Ispirtu s-Santu.  Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma." (Ġwann 20: 19b, 20b–23)

Nitolbu
O Alla tas-sliem, min jiżra’ l-firda ma jistax jgħarfek, u lanqas ma jista’ jilqgħek min iħobb il-ġlied.  Agħti l-perseveranza lil min jaħdem biex iġib is-sliem, u lil min ifixklu fejjqu mill-mibgħeda li ddejjqu, sabiex kulħadd jerġa’ jsib fik is-sliem tassew.

Missierna, Sliema, Glorja.

Imbierek id-dawl tal-qawmien glorjuż ta’ Sidna Ġesù,
 Mulej ħenn għalina u agħti l-ħajja lid-dinja.


It-Tmien Stazzjon

Nadurawk, O Ġesù u nberkuk,
 għax bl-Għuda tas-Salib u bid-Dawl tal-Qawmien tieghek fdejt id-dinja!

Nikkonsidraw fit-tmien stazzjon meta l-Mulej Wettaq il-Fidi ta’ Tumas.
Tumas …. ma kienx magħhom meta ġie Ġesù.  …  Tumas qal: "Jekk ma narax f'idejh il-marka ta' l-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka ta' l-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx."  Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom.  Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f'nofshom, u qalilhom: "Is-sliem għalikom!"  Imbagħad qal lil Tumas: "Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen."  Wieġeb Tumas u qallu: "Mulej tiegħi u Alla tiegħi!"  Qallu Ġesù: "Emmint għax rajtni!  Henjin dawk li ma rawx u emmnu." (Ġwann 20: 24–29)

Nitolbu
O Missier, agħmel li flimkien ma’ l-Appostlu Tumas nagħrfu fi Kristu lill-Mulej tagħna u lil Alla tagħna, u li nixhdu b’ħajjitna dak li nistqarru bil-fidi.

Missierna, Sliema, Glorja.

Imbierek id-dawl tal-qawmien glorjuż ta’ Sidna Ġesù,
 Mulej ħenn għalina u agħti l-ħajja lid-dinja.


Id-Disa’ Stazzjon

Nadurawk, O Ġesù u nberkuk,
 għax bl-Għuda tas-Salib u bid-Dawl tal-Qawmien tieghek fdejt id-dinja!

Nikkonsidraw fid-disa’ stazzjon meta l-Mulej Irxuxtat iltaqa’ mad-Dixxipli Tiegħu fuq ix-xatt tal-Għadira ta’ Tiberia.
Qalilhom Ġesù: "Ġibu mill-ħutiet qbadtu issa."  Xmun Pietru tela' fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b'mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx.  Qalilhom Ġesù: "Ejjew, kulu."  Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih, 'Int min int?', għax kienu jafu li kien il-Mulej. (Ġwann 21: 10–12)

Nitolbu
Agħmel, Mulej, li ħajjjitna tkun taqbel mall-misteru tal-għid li niċċelebraw bil-ferħ, sabiex il-qawwa tal-Mulej irxoxt tħarisna u ssalvana.

Missierna, Sliema, Glorja.

Imbierek id-dawl tal-qawmien glorjuż ta’ Sidna Ġesù,
 Mulej ħenn għalina u agħti l-ħajja lid-dinja.


L-Għaxar Stazzjon

Nadurawk, O Ġesù u nberkuk,
 għax bl-Għuda tas-Salib u bid-Dawl tal-Qawmien tieghek fdejt id-dinja!

Nikkonsidraw fl-għaxar stazzjon meta l-Mulej Irxuxtat ta l-Primat lil Pietru.
Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru: "Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?"  …  Pietru ħass għafsa ta' qalb għax staqsieh għat-tielet darba, 'Tħobbni?', u qallu: "Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok."  Qallu Ġesù: "Irgħa n-nagħaġ tiegħi …. Ejja warajja" (Ġwann 21: 15, 17b, 19b).

Nitolbu
O Alla, li fil-pjan tal-għerf tiegħek bnejt il-Knisja tiegħek fuq il-blata ta’ Pietru, r-ras tal-kulleġġ appostoliku, ħares u qawwi lill-Papa.  Inti li għażiltu bħala s-suċċessur ta’ Pietru, agħmel li jkun għall-poplu tiegħek il-bidu u l-pedament, li jidher, tal-għaqda fil-fidi u tal-komunità fl-imħabba.

Missierna, Sliema, Glorja.

Imbierek id-dawl tal-qawmien glorjuż ta’ Sidna Ġesù,
 Mulej ħenn għalina u agħti l-ħajja lid-dinja.


Il-Ħdax-il Stazzjon

Nadurawk, O Ġesù u nberkuk,
 għax bl-Għuda tas-Salib u bid-Dawl tal-Qawmien tieghek fdejt id-dinja!

Nikkonsidraw fil-ħdax-il stazzjon meta l-Mulej Irxuxtat fada lid-Dixxipli bil-Missjoni lejn id-Dinja.
Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missieru ta' l-Iben u ta' l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.  U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien." (Mattew 28: 19–20)

Nitolbu
Agħmel Mulej, li l-Evanġelju ta’ Kristu, li hu l-Kelma tas-sewwa, jixxandar f’kull rokna tad-dinja, biex il-bnedmin kollha jiksbu l-wegħda tal-fidwa tal-ħajja ġdida.

Missierna, Sliema, Glorja.

Imbierek id-dawl tal-qawmien glorjuż ta’ Sidna Ġesù,
 Mulej ħenn għalina u agħti l-ħajja lid-dinja.


It-Tnax-il Stazzjon

Nadurawk, O Ġesù u nberkuk,
 għax bl-Għuda tas-Salib u bid-Dawl tal-Qawmien tieghek fdejt id-dinja!

Nikkonsidraw fit-tnax-il stazzjon meta l-Mulej Irxuxtat tela’ għand il-Missier.
Huma u jħarsu lejh, kien meħud 'il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom.  Waqt li kienu b'għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f'daqqa waħda dehru ħdejhom żewġ irġiel libsin l-abjad, u qalulhom: "Irġiel tal-Galilija, x'intom tħarsu lejn is-sema?  Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa' jiġi kif rajtuh sejjer." (Atti 1: 9b–11).

Nitolbu
Mulej, imla lill-Knisja tiegħek b’ferħ qaddis sabiex fi Kristu imtella’ fis-sema l-umanità tagħna tintrefa’ ħdejk u aħna, l-membri tal-ġisem tiegħu, ngħixu fit-tama li naslu ħdejn ir-Ras tagħna fil-glorja.

Missierna, Sliema, Glorja.

Imbierek id-dawl tal-qawmien glorjuż ta’ Sidna Ġesù,
 Mulej ħenn għalina u agħti l-ħajja lid-dinja.


It-Tlettax-il Stazzjon

Nadurawk, O Ġesù u nberkuk,
 għax bl-Għuda tas-Salib u bid-Dawl tal-Qawmien tieghek fdejt id-dinja!

Nikkonsidraw fit-tlettax-il stazzjon meta d-dixxipli kienu jistennew lill-Ispirtu s-Santu Ma’ Marija, Omm Ġesù.
Xħin daħlu l-belt, telgħu fil-kamra ta' fuq tad-dar fejn kienu joqogħdu. Huma [l-appostli] … lkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien ma' xi nisa u ma' Marija, omm Ġesù, u ma' ħutu. (Ati 1: 13a–14)

Nitolbu
Missier Etern, iddi fuqna d-dija tal-glorja tiegħek, li hu Kristu, d-dawl mid-dawl; u agħmel li l-għotja tal-Ispirtu s-Santu tiegħek iġġedded il-qlub tal-fidili tiegħek imwieldin għall-ħajja ġdida fl-imħabba tiegħek.

Missierna, Sliema, Glorja.

Imbierek id-dawl tal-qawmien glorjuż ta’ Sidna Ġesù,
 Mulej ħenn għalina u agħti l-ħajja lid-dinja.


L-Erbatax-il Stazzjon

Nadurawk, O Ġesù u nberkuk,
 għax bl-Għuda tas-Salib u bid-Dawl tal-Qawmien tieghek fdejt id-dinja!

Nikkonsidraw fl-erbatax-il stazzjon meta l-Mulej Irxuxtat bagħat l-Ispirtu s-Santu Imwiegħed lid-Dixxipli.
Meta wasal jum il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f'post wieħed.  F'daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta' riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin.  U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom.  Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b'ilsna oħra, skond ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu. (Atti 2: 1–4).

Nitolbu
O Alla li fil-misteru ta’ Għid il-Ħamsin int qaddist il-Knisja kollha tiegħek f’kull poplu u ġens, xerred id-doni tal-Ispirtu s-Santu tiegħek sa truf l-art u kompli llum, fil-komunità ta’ dawk li jemmnu, l-għeġubijiet li wettaqt fil-bidu tax-xandir tal-evanġelju.

Missierna, Sliema, Glorja.

Imbierek id-dawl tal-qawmien glorjuż ta’ Sidna Ġesù,
 Mulej ħenn għalina u agħti l-ħajja lid-dinja.


Għeluq

Permezz tal-Via Lucis, aħna ħadna sehem f’dan il-pellegrinaġġ flimkien mal-Mulej Irxoxt.  Bħala qaddejja u xhieda ta’ Kristu, aħna irridu nwasslu d-dawl ta’ Kristu Rxoxt lil aħwa li niltaqgħu magħhom.
Huma mbagħad marru jippridkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha. (Mark 2: 16: 20).

Nistqrru l-fidi tagħna:
Jiena nemmen f’Alla l-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art;
u f’Ġesú Kristu, Ibnu wieħed Sidna;
 li kien konċeput mill-Ispirtu s-Santu, twieled minn Marija Verġni;
 bata taħt il-ħaqq ta’ Ponzju Pilat, sallbuh, miet u difnuh;
 niżel il-Limbu, mat-tielet jum qam minn bejn l-imwiet;
 tela’ fis-smewwiet, qiegħed in-naħa tal-lemin t’Alla l-Missier, li jista’ kollox;
 minn hemm għandu jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin.
Nemmen fl-Ispirtu s-Santu;
 l-Knisja Mqaddsa Kattolika, x-Xirka tal-Qaddisin;
 il-maħfra tad-dnubiet;
 il-qawma ta’ l-imwiet;
 il-ħajja ta’ dejjem.
  Ammen

Nitolbu
Agħtina nitolbuk Mulej, li kull ma nagħmlu nibdewh fid-dija tad-dawl tiegħek, inkompluh bil-għajnuna tiegħek, u nwassluh għat-tmiem taħt it-tmexxija tiegħek, Bi Kristu Sidna, l-Mulej Irxoxt tagħna.  Ammen.

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.  Ammen.