DAWL FUQ ID-DLAMIJIET TA' LLUM



Meta l-bieraħ – il-Milied filgħaxija, l-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech qaddes quddiesa pontifikali fil-Katidral t’Għawdex, l-Isqof għamel dan l-appell:

“Għall-bniedem li jkun miexi fid-dlam tal-ħajja, il-Milied inissel it-tama għax fit-twelid ta’ Kristu, “id-dawl idda fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux”.


Meta twieled Ġesù kien hemm tlett tipi ta' persuni li kienu fid-dlam, imma meta ltaqgħu ma’ Ġesù tarbija beda jbexbex jum ġdid għalihom.  F’dawn il-kategoriji ta’ nies naraw esperjenzi tal-bniedem ta’ llum.

Ir-ragħajja, li kienu foqra, jfakkruna fil-foqra ta’ żminijietna.  Sfortunatament il-faqar qed jikber.  Barra dawk li qatt ma kellhom xejn, illum qed jinħolqu foqra ġodda.  Hemm persuni u familji li qed isibuha diffiċli li jerfgħu ċerti piżijiet finanzjarji, xi drabi nfurzati b’liġijiet, anke fir-rigward ta’ bżonnijiet essenzjali għall-ħajja.  Id-dawl ta’ Kristu jgħinna nirbħu dawn il-dlamijiet.

Hemm dawk li bħal tal-lukanda ta' Betlehem tant huma mħabbtin bix-xogħolijiet tagħhom u jinteressahom biss kemm ser jagħmlu qliegħ.  Dawn tant huma fid-dlam li ma jintebħux li hemm nies f’sitwazzjonijiet delikati li qed iħabbtu fuq il-bieb tagħhom.  L-attività esaġerata mhux biss qed tgħejja lill-bniedem, imma tista’ tkun ukoll aljenazzjoni li twassal lill-bniedem jitraskura lil min hemm wara biebu – dawn jistgħu jkunu l-istess membri tal-familja tiegħu jew persuni oħra li huma fil-bżonn.

Billi r-reliġjon Lhudija kienet għaddejja minn taqlib spiritwali u kulturali, ftit ħafna baqgħu fidili għat-twemmin tagħhom.  Għalkemm kien hemm żmien meta l-poplu t’Alla kien numeruż, kien fadal biss il-“fdal”.  Ġużeppi u Marija kienu membri ta’ din il-komunità żgħira li baqgħet temmen li l-wegħdiet ta’ Alla jitwettqu.  Bħalhom, fis-soċjetà ta’ llum l-insara jridu jitgħallmu jkunu “minoranza” li tgħix f’ambjent diffiċli u fl-istess waqt ma jħallux id-dlam jaqtgħalhom qalbhom anke meta d-diffikultajiet jinqalgħu fi ħdan l-istess Knisja.

No comments:

Post a Comment